Ritratti: Din il-kantanta llum tagħlaq 73 sena. Għaraftha?

Minkejja li huwa ritratt meħud bosta snin ilu, Mary Spiteri għadha tingħaraf. Proprju llum hija qed tiċċelebra għeluq it-73 sena tagħha. Mary twieldet bħal-lum il-25 ta’ Ottubru tal-1947.

Fir-ritratt Mary kien għad kellha 18-il sena u ttieħed f’Bormla waqt tieġ li kienet qed tkanta fl-1965.

Mary hija t-tielet minn sitt ulied ta’ Nazzarenu u Rita. Bdiet tkanta fl-età ta’ 11-il sena u l-ewwel opportunita ġiet proprju meta missierha tellagħha tkanta fuq il-palk fejn hu u ħutha Alfred u Emmanuel kienu qed jagħtu wirja bil-grupp tagħhom Spiteri.

Qatt ma ħarset lura u Mary kantat mhux biss f’Malta iżda f’kunċerti fil-Ġappun, fl-Awstralja, fl-Irlanda, fl-Italja, fi Sqallija, fil-Greċja, fl-Ingilterra u fiċ-Ċekożlovakkja.

Bla dubju li Mary tibqa’ tissemma’ wkoll għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Eurovision Song Contest tal-1992. Kienet kisbet it-tielet post bil-kanzunetta Little Child.

Apparti l-kant Mary għamlitha wkoll ta’ attriċi fosthom fil-film Leħen Fir-Rebbiegħa u s-sensiela Deja Vù, kif ukoll fi musicals bħal Ulied in-Nanna Venut Fl-Amerika u It-Tfajla tal-Palazz.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.