Ritratti: Demel iwaqqaf l-impjant Ta’ Barkat; il-Pulizija tinvestiga

WSC

L-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Ta’ Barkat waqaf minħabba kwantità kbira ta’ demel u ħmieġ tal-annimali li ntefgħu fis-sistema. Dan ħareġ minn stqarrija mill-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma li spjegat li fil-parti l-kbira fis-sezzjoni fejn hemm l-għeriebel, dawn spiċċaw imblokkati u jeħtieġu tindif immedjat. Il-Korporazzjoni qalet li dwar il-każ sar rapport mal-Pulizja.

Fl-istqarrija l-Korporazzjoni spjegat li minħabba dak li ġara l-produzzjoni ta’ ‘New Water’ twaqqfet sakemm din is-sitwazzjoni tistabilizza ruħha matul il-ħamest ijiem li ġejjin. Kompliet tgħid li l-ħaddiema tagħha jinsabu jagħmlu l-almu tagħhom biex l-operat jiġi lura għan-normal fl-inqas żmien possibbli.

Il-Korporazzjoni fakkret li fis-sistema tad-drenaġġ jistgħu jintefgħu biss ħmieġ uman u karta iġenika. Saħqet li l-infrastruttura tad-drenaġġ hi kumplessa ħafna u delikata u għaldaqstant tista’ tiġrilha l-ħsara jekk ma tintużax sew.

Wieħed jista’ jirrapporta

Fi tmiem tal-istqarrija tagħha, il-Korporazzjoni fakkret li kwalunkwe problema jew suspett ta’ imġiba illegali mal-infrastruttura għandha tiġi rrapurtata lill-Korporazzjoni. Wieħed jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq 80076400 jew jibgħat email fuq customercare@wsc.com.mt jew juża’ live chat fuq is-sit www.wsc.com.mt jew permezz tal-midja soċjali.