Ritratti: Delia jiddiskuti Brexit fi Brussell

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia attenda għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar fi Brussell. Delia ddiskuta flimkien ma’ Kapijiet ta’ Stat u Gvernijiet kif ukoll ma’ mexxejja oħra tal-Oppożizzjoni tal-partiti membri fil-PPE l-aħħar żvilupp dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u r-riskji tal-Brexit bla ftehim.

Delia qal li jeħtieġ li Malta jkollha preparazzjoni tajba għall-Brexit, biex il-Maltin u l-Għawdxin li għandhom rabtiet kummerċjali jew negozju mar-Renju Unit ikollhom is-serħan tal-moħħ.

Wieħed mis-suġġetti l-oħra li ġew diskussi kien l-abort. Huwa qal li l-valur tal-ħajja huwa wieħed suprem u li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħarsien tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem tagħha.

Għas-summit fi Brussell attendew ukoll il-President tal-PPE Joseph Daul, iċ-Chairman tal-PPE Manfred Weber, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-Kap Negozjatur tal-Brexit Michel Barnier u mexxejja oħra Ewropej.

Takkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm is-Segretarja Internazzjonali tal-partit Roselyn Borg Knight.