Ritratti: Dehra ġdida għas-subway ta’ ħdejn Bieb il-Bombi

Infrastructure Malta qed tintroduċi kunċett ta’ subway ġdid għaż-żona qrib Bieb il-Bombi fil-Furjana. L-iskop wara dan id-disinn, qalet Infrastructure Malta, huwa li jħajjar lin-nies jużaw iżjed is-subway minflok jaqsmu mit-triq b’sitt korsiji li hemm għaddejja minn fuqha.

Is-subway b’passaġġ wiesa’ 12-il metru se tkun imdawla b’mod naturali u se tinkludi fiha latrini pubbliċi, spazju miftuħ li jista’ jintuża bħala kafetterija għall-passiġġieri tal-karozzi tal-linja, kif ukoll post ta’ parkeġġ għar-roti. Is-subway ġdida se tipprovdi aċċess eħfef għall-erba’ waqfiet tal-linja li hemm f’din iż-żona (Bombi 1, 2, 3 u 4) permezz ta’ turġien u liftijiet aċċessibbli għal kulħadd.

Is-subway għandha ssir eżatt taħt tnejn mill-waqfiet u maġenb it-tnejn l-oħra. Il-kafetterija li qed tkun proposta biex issir fl-ispazju miftuħ tas-subway se tipprovdi faċilitajiet komdi fejn wieħed jista’ jieqaf jiekol jew jixrob.

Il-proġett għandu jinkludi wkoll l-istallazzjoni ta’ sistema dwal għal mal-lejl fis-subway u tul il-bankini kollha, kif ukoll sistemi ta’ kameras għal aktar sigurtà għal dawk li jkunu għaddejjin mill-inħawi f’kull ħin.

Infrastructure Malta għadha kif ippreżentat il-pjanijiet proposti għas-subway lill-Awtorità tal-Ippjanar, biex ikunu jistgħu jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin. L-aġenzija bħalissa qed tiltaqa’ ma’ diversi entitajiet u awtoritajiet interessati, fosthom il-kunsilli lokali tal-lokalitajiet tal-inħawi, biex tiffinalizza l-pjanti bħala parti mill-proċess għall-permess tal-iżvilupp. Fix-xhur li ġejjin se ssir sejħa pubblika biex jintgħażlu l-kuntratturi meħtieġa biex iwettqu dan il-proġett.

L-istqarrija ta’ Infrastructure Malta tgħid li l-binja tas-snin sittin għandha valur arkitettoniku bħala waħda mill-ewwel strutturi tal-konkos tat-tip tagħha li qatt saru f’Malta.