Ritratti: Dawn l-iskejjel mhux lesti minkejja li sentejn tard

Miguela Xuereb

Read in English.

Sitt skejjel u ċentru tar-riżorsi li kellhom jitlestew sa Settembru tal-2017 għadhom mhumiex lesti minkejja li huma sentejn tard.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) dwar l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dawn il-proġetti.

Qawra

Skont il-FTS, fl-iskola primarja l-ġdida fil-Qawra għaddej xogħol fuq il-bini tat-tielet sular.  Il-binja tal-iskola mistennija li titlesta sal-aħħar tas-sajf. Xogħlijiet oħrajn, bħal dawk mekkaniċi u elettriċi, kisi, u tqegħid ta’ madum diġà qegħdin isiru fis-sulari ta’ taħt. 

Skont il-FTS is-sit ingħalaq mill-Qorti għal ħames ġimgħat minħabba inċident li seħħ fit-13 ta’ Ġunju.  L-iskola se tiftaħ matul is-sena skolastika li jmiss.

L-inċident li għalih għamlet referenza l-FTS kien wieħed fatali. Żagħżugħ ta’ 23 sena kien waqa’ minn għoli ta’ madwar erba’ sulari. Hu kien miet ftit wara.

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt; waqa’ 4 sulari f’sit ta’ kostruzzjoni

Filmat: Imut il-ħaddiem li waqa’ f’sit tal-kostruzzjoni fil-Qawra

Rabat, Għawdex

Facebook – Gozo College Rabat Primary – The Happy School

Skont il-FTS, rigward l-iskola primarja tar-Rabat, Għawdex, wara li saru t-testijiet neċessarji fuq il-blat u tlestew il-pjanti, bħalissa qed isir studju arkeoloġiku fl-art ta’ taħt is-sit u li ntalab mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.  It-twettieq tal-proġett issa jiddependi mir-riżultati ta’ dan l-istudju, kif ukoll minn meta joħorġu l-permessi neċessarji mill-Awtorita` tal-Ippjanar.

Aktar dewmien għall-iskola tar-Rabat Għawdex; sejba arkeoloġika

Imsida

Skont l-FTS l-applikazzjoni għall-bini mill-ġdid tal-iskola primarja tal-Imsida għadha pendenti quddiem l-Awtorita` tal-Ippjanar. 

Rabat u Santa Luċija f’Malta

Il-FTS qalet li rigward il-proġett ta’ tkabbir tal-iskola primarja tar-Rabat, Malta, kif ukoll il-bini ta’ teatru u sala għall-isport fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija, l-Awtorita` tal-Ippjanar ħarġet il-permessi neċessarji u l-periti taż-żewġ proġetti qegħdin jippreparaw il-bills of quantities biex il-Fondazzjoni tkun tista’ toħroġ is-sejħiet għall-offerti.

Ċentru ta’ Riżorsi f’Pembroke

 Fi kliem il-FITS il-Ministeru għall-Edukazzjoni kif ukoll il-Fondazzjoni għaddejjin b’aktar konsultazzjoni dwar l-ippjanar ta’ dan il-proġett “uniku u ambizzjuż” ta’ San Miguel Primary Education Resource Centre. Intqal li l-proċessi kollha mexjin u li “d-dettalji tal-proġett jitħabbru fiż-żmien propizju.”

Għaddiet sena: 6 skejjel għadhom mhux lesti

F’Ottubru tal-201, Newsbook.com.mt kien ippubblika storja simili dwar id-dewmien fit-tlestija ta’ dawn il-proġetti. Minn dakinhar, ‘l hawn tlestiet l-iskola ta’ Wied il-Għajn.

Ritratti: Muscat jinawgura l-iskola l-ġdida ta’ Wied il-Għajn