Ritratti: “Daħlu jisirquna meta kien għadu kif kellna tarbija”

“Sirt naf li kienu għadhom kif serquna, fil-ġurnata li l-mara kienet se toħroġ mill-isptar wara li kien għadu kif kellna tarbija.”
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt Keith Perry is-sid tal-ħanut Chick King tal-Mosta li fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta li għadda kien fil-mira tal-ħallelin.
Irrakkonta kif kien għal ħabta tat-8.30 tat-Tlieta filgħodu meta sid il-kera tal-ħanut ċempillu biex jinfurmah li kien hemm tmien pulizija barra l-bieb tal-ħanut tiegħu.
Spjega kif flimkien mal-pulizija daħal fil-ħanut u rrealizza li nsteraq ammont konsiderevoli ta’ flus. “Li ħallew biss kienu l-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi,” żied jgħid Perry.  L-ammont  kien jaqbeż  il-€1,500 mhux kif ġie rrappurtat f’sezzjonijiet tal-midja.
Sostna li minbarra l-flus kontanti, insterqu l-pakketti kollha tas-sigaretti u l-flus kollha mill-magna tas-sigaretti.
Perry qal li l-pulizija ġiet infurmata wara li xi ħadd irrapporta li l-bieb tal-ħanut kien sgassat.
Meta ċċekkjaw il-kameras tas-sigurta’, irriżulta li l-bieb ġie sgassat għal ħabta ta’ nofsillejl u għoxrin u kien 20 minuta wara, li tliet żgħażagħ daħlu fil-ħanut.
Fuq Facebook Perry tella’ ritratti meħuda minn dawn il-kameras u qed jappella lil kull min għandu indikazzjoni ta’ min huma l-ħallelin biex jgħaddi l-informazzjoni lilu fuq 21433800 jew lill-pulizija, anke b’mod anonimu.