Ritratti: Coleiro Preca maħtura President ta’ Eurochild

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca nħatret President tal-organizzazzjoni Eurochild, network Ewropew li jaħdem favur id-drittijiet tat-tfal, b’aktar minn 170 membru minn 34 pajjiż differenti.

Illum, l-Assemblea Ġenerali tal-Eurochild eleġġiet lil Coleiro Preca bħala l-President tal-Eurochild fid-dawl tal-fatt li ħadmet biex tagħti vuċi lit-tfal, u anke għad-dedikazzjoni tagħha lejn il-benessri tas-soċjetà u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

Is-Segretarja Ġenerali tal-Eurochild, Jana Hainsworth sejħet lil Coleiro Preca “champion” u qalet li jħossuhom onorati li t-tmexxija ta’ din l-organizzazzjoni ġiet fdata f’idejha. 

Bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tax-xahar id-dieħel, Eurochild qed tikkampanja għal Parlament li jaħdem favur it-tfal permezz tal-kampanja “Vote for Children.”

Min-naħa tagħha, Coleiro Preca stqarret li hija onorata b’dan l-irwol ġdid u qalet li l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal kienet fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, kemm meta kienet Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u anke meta serviet bħala President ta’ Malta.