Ritratti: Ċief jispiċċaw maqbuda fi xlief mdendel mal-irdumijiet

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li żewġ ċief spiċċaw maqbuda f’numru ta’xlief bis-snanar li kien hemm imdendel mal-irdumijiet fl-inħawi taħt Għar Ħasan limiti ta’ Birżebbuġa.
L-għasafar kienu qed itiru qrib tal-irdum meta spiċċaw maqbuda fix-xlief u sfortunatament wieħed minnhom kien diġa mejjet meta ċ-ċief intlemħu maqbuda.
Huwa mifhum li dan xlief x’aktarx tħalla hemm minn persuni li kienu qed jistadu minn fuq l-irdumijiet.
Kienet familja li kienet qed iddur b’dgħajsa mal-baħar tal-inħawi l-ewwel li ndunaw u nfurmaw lil Vince De Bono mill-Voice 4 Animals li poġġa r-ritratti fuq is-sit tal-Facebook.
Inġibdet l-attenzjoni tal-ambjentalista Annalise Falzon u l-Birdlife Malta fejn tim immexxi minn Christian Debono mar fuq il-post u biex ineħħi dan ix-xlief, l-għasafar li kienu t-tnejn mejta kif ukoll jitneħħa kull periklu li jista’ jikkawża inċident ieħor bħal dan.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Vince De Bono li sostna kif ġie mgħarraf mill-ambjentalista Annalise Falzon li sfortunatament dan ma kienx l-uniku każ ta’ xlief u snanar li jitħallew imdendlin mal-irdumijiet.
Jirriżulta li fis-snin li għaddew fl-istess post kien twaddab xi żejt li qered parti mill-irdum.
Vince De Bono qal li f’pajjiżna hawn aktar postijiet fejn wieħed jista’ jmur jistad u postijiet ambjentalment sensittivi għandhom jiġu evitati.
Voice 4 Animals hija għaqda li taħdem għad-drittijiet tal-annimali u fil-preżent din l-għaqda għaddejja bil-proċeduri biex tiġi rikonoxxuta uffiċjalment bħala NGO.
Vince De Bono appella għall-volontarji u kull li min jixtieq aktar informazzjoni jista jżur il-pagna fuq Facebook jew jibgħat imejl fuq voice4animalsmalta@gmail.com.