​Ritratti: “Christa, kienet dejjem lesta tisma’ u tgħin”

Christa Formosa, it-tfajla ta’ 23 sena li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku nhar is-Sibt li għadda, ingħatat l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa, illum waranofsinhar.
Fl-Omelija, il-Kappillan tal-Iklin Dun Keith Bonniċi ddeskriva lil Christa bħala l-pjanista, iż-żeffiena, is-social worker u l-mudella, li dejjem lesta tisma’ u tgħin, dedikata u preċiża f’kull ma tagħmel.
Semma kif ftit tax-xhur ilu, Christa kienet iggradwat bħala social worker, “ħalli tkun f’pożizzjoni li tgħin lil oħrajn, u li sabet il-ferħ tagħha mat-tfal fostered li taħdem magħhom”.
Irrefera wkoll għat-teżi tagħha dwar l-effett fuq l-ulied, meta l-ġenituri jkunu qed ibatu minn mard mentali.
Dun Keith qabbel l-imħabba tagħha ma’ xemgħa li tegħleb kull dlam u rrimarka li tgħallmet b’mod uniku u personali t-tifsira ta’ isimha.
Kellu wkoll kliem ta’ kuraġġ għall-ġenituri u l-għeżież tagħha, li x-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu partikolari għalihom.
Mal-ħruġ mill-Knisja, it-tebut abjad intlaqa’ minn ċapċipa kbira, u ttajru bżieżaq ta’ lewn abjad u aħmar.
Ritratti: Ian Noel Pace