Ritratti: Ċentru ġdid għaż-żgħażagħ mill-Provinċja Agostinjana

Read in English.

Matul dawn l-aħħar xhur, il-Provinċja Agostinjana Maltija flimkien mal-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths ħadmu bla waqfien fuq ċentru ġdid, taħt l-isem ta’ Augustinian Youth Space, bil-għan li nsaħħu l-ħidma li l-Provinċja Agostinjana Maltija qegħda tagħmel fil-pastorali taż-żgħażagħ.

F’dan iċ-ċentru sar xogħol estensiv li jinkludi rinovazzjoni tal-faċilitajiet kollha, kappella ġdida għat-talb, spazju rikreattiv, installazzjoni ta’ sistema tad-dawl u elettriku, tindif u rinovar tal-post kollu. B’hekk, dan iċ-ċentru jinsab lest u attrezzat b’faċilitajiet differenti sabiex jilqa’ fih diversi gruppi ta’ etajiet differenti u jkun spazju li fih iż-żgħażagħ ikunu jistgħu ikomplu jiskopru lilhom infushom u lil Alla. Fil-preżent jiltaqgħu bosta gruppi, fosthom il-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths, il-grupp ta’ adoloxxenti Tagaste Youths, kif ukoll diversi gruppi mill-Kulleġġ Santu Wistin, li wkoll jagħmlu użu reġolari minn dil-faċilità.

Dan ix-xogħol sar bil-għajnuna tal-Millennium Chapel Foundation u l-provinċja Agostinjana Maltija, kif ukoll grazzi għall-ħidma kontinwa tal-Patrijiet Agostinjani fil-komunità tal-Pietà, flimkien ma’ diversi membri taż-żgħażagħ Agostinjani. L-għan ta’ dan il-grupp Augustinian Youths hu li niġbru flimkien żgħażagħ minn setturi differenti tal-ħajja permezz tax-xewqa li niskopru iktar lilna nfusna, li ngħixu bħala parti minn komunità ta’ żgħażagħ oħra, u li nimxu fuq il-passi tal-Mulej Ġesù, fl-ispirtu tat-tagħlim ta’ Santu Wistin, missierna. B’hekk, permezz ta’ dan iċ-ċentru, bdew isiru diversi attivitajiet, fosthom diskussjonijiet fuq temi soċjali, reliġjużi u spiritwali, laqgħat ta’ formazzjoni, mumenti ta’ talb u diversi attivitajiet soċjali u rikreattivi.

Kull min jixtieq jingħaqad magħna jew iktar informazzjoni fuq l-Augustinian Youth Centre, jista’ jikkuntattja lil Fr. Terence Spiteri OSA,  fuq il-paġna Facebook ta’ Augustinian Youths.

Dan it-tagħrif twassal mill-Provinċja Agostinjana Maltija.