Ritratti: Caritas Malta f’Ruma għal laqgħat internazzjonali

Membri ta’ Caritas Malta qed jattendu żewġ laqgħat importanti f’Ruma, fl-isfera tal-ħidma internazzjonali ta’ Caritas. Il-Konferenza Reġjonali ta’ Caritas Ewropa saret bejn it-22 u l-23 ta’ Mejju, filwaqt li l-Assemblea Ġenerali ta’ Caritas Internationalis qed issir bejn l-24 u 28 ta’ Mejju.

Dawk preżenti huma d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, flimkien ma’ żewġ membri tal-maniġment Ritianne Cassar u Geraldine Gatt.

Caritas Internationalis hi konfederazzjoni ta’ 165 organizzazjoni nazzjonali fi ħdan il-Knisja Kattolika. In-network ta’ membri ta’ Caritas Internationalis jaħdmu flimkien għall-eradikazzjoni tal-faqar, ġustizzja soċjali u żvilupp sħiħ tal-bniedem. Id-delegati rriflettew fuq it-tema: One Human Family One Common Home, u ftehmu fuq pjan strateġiku għas-snin 2019-2023.