Ritratti: Bżonn kampanji edukattivi mill-Qorti – l-imħallef ġdid Depasquale

Miguela Xuereb

L-imħallef il-ġdid Francesco Depasquale qal li l-Qorti għandha tibda kampanji edukattivi dwar il-liġijiet u dwar kif jaħdmu l-qrati.

Depasquale qal dan waqt id-diskors inawgurali tal-ewwel seduta tiegħu. Huwa qal li l-qrati għandhom bżonn isibu mezz biex itejbu l-ħiliet tagħhom fejn tidħol il-midja. Qal li hemm bżonn uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Qorti u anke li jsiru kampanji edukattivi. Qal li l-edukazzjoni hija l-qofol ta’ kollox.

Depasquale rringrazzja lil dawk kollha li imlew l-awla – fosthom qraba, ħbieb, u kollegi tiegħu. Qal li ħafna mill-attakki li jsiru fuq il-ġudikatura huma inġusti u skorretti.

L-imħallef il-ġdid ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex ikomplu jaħdmu. Qal li għandhom irwol essenzjali f’demokrazija u li ċ-ċittadini jħarsu lejhom bħala sors imparzjali. Semma li d-dinja tal-lum hija mimlija bil-misinformazzjoni u l-gideb.

Waqt id-diskors tiegħu, Depasquale qal li x-xogħol ta’ maġistrat huwa diffiċli immens. Qal li huma l-maġistrati li jerfgħu 99% tal-kawżi kriminali li jinstemgħu fil-Qorti. Qal ukoll li ħafna mix-xogħol li jagħmlu ma jidhirx.

Waqt is-seduta tkellem ukoll il-Viċi President tal-Kamra tal-Avukati Vincent Galea.

L-Imħallef Francesco Depasquale twieled f’Ġunju tal-1970. Iggradwa mill-Università ta’ Malta b’Doctor of Laws fl-1995. Sena wara rċieva Masters fil-liġi marittima. Fl-università Depasquale kien parti mill-għaqdiet studenteski tal-liġi GħSL (1989-91) u ELSA Malta (1991-93) u fil-KSU (1994). Huwa sar Maġistrat f’April tal-2011. Baqa’ jservi għal tmien snin sakemm issa laħaq bħala Imħallef.