Ritratti: Bosta Ministeri jisbħu bil-faħam u lista ta’ skandli mal-bieb

Read in English.

Dalgħodu, bosta Ministeri sebħu bil-faħam quddiem il-bibien tagħhom u anke lista ta’ skandli mwaħħla mal-bieb. Fi stqarrija l-għaqda Occupy Justice sostniet li filwaqt li l-Milied huwa żmien ta’ ċelebrazzjoni għal ħafna, huwa wkoll żmien ta’ riflessjoni u kontemplazzjoni dwar il-kriżi kostituzzjonali f’Malta.

L-attivisti ta’ #occupyjustice kkommemoraw il-Milied billi ħallew tfakkiriet ta’ dak kollu li jinsab għaddej fil-pajjiż mal-bibien tal-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministeru għall-Intern, il-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, u l-uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi stqarrija, l-attivisti tas-soċjetà ċivili qalu li huma ma għandhomx l-awtorità li jservu l-ġustizzja lil dawk li ma rċevewhiex f’Malta. Qalu iżda li għandhom vuċi u se jużawha biex ifakkru lill-“criminal gang” li ħatfu l-istituzzjonijiet bin-nuqqasjijiet tagħhom.

Spjegaw li l-faħam u l-listi li tħallew fil-bibien tal-Ministeru huma simbolu tal-ġustizzja li għandha ssir minħabba dawk li kkommettew kriminalitajiet kontra l-poplu tagħhom stess. L-attivisti qalu li jridu jfakkru lil Muscat u lil sħabu li l-ġlieda għall-verità u l-ġustizzja se tkompli, anke fi żmien il-Milied. Qalu li ż-żmien tal-festi ma jnaqqasx il-valur tar-rivelazzjonijiet xokkanti fejn ma saritx ġustizzja, iżda jiħroġhom aktar għad-dawl.

“L-attitudni tagħkom ta’ business-as-usual mhux se twassal biex aħna ninsew il-kriminalitajiet li inthom daqshekk iddisprati li titfgħu taħt it-tapit. Filwaqt li inthom tkomplu bl-attivitajiet tagħkom ta’ kuljum, l-istituzzjonijiet ikompli jfalluna b’mod spettakolari, u dan kien possibbli biss minħabba l-livell ta’ impunità li bihom qed jitħallew joperaw,” qalu l-attivisti.

Insistew li huma se jibqgħu jissieltu sakemm il-verità kollha toħroġ għad-dawl u kull persuna li kienet involuta fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia titressaq sabiex issir ġustizzja.