Ritratti: Bosta feruti wara żbroff ta’ vulkan fi New Zealand

Bosta persuni weġġgħu u oħrajn kienu rrappurtati nieqsa aktar kmieni llum, wara li żbroffa vulkan qrib il-kosta fi New Zealand. Kawża ta’ dan, dehret sħaba ta’ rmied tiela eluf ta’ metri ‘l fuq.

Madwar 50 persuna kienu fil-viċinanzi  tal-vulkan meta beda jiżbroffa. Il-vulkan bl-isem White Island, qiegħed madwar 50km bogħod mill-kosta tal-Lvant ta’ North Island. Aktar kmieni, kien maħsub li kien hemm madwar 100 persuna fil-qrib.

Il-Prim Ministru Jacinda Ardern qalet li ġew irrappurtati numru ta’ persuni feruti u li qed jittieħdu lejn l-isptarijiet. Ardern qalet dan waqt konferenza. Hija żiedet tgħid li l-operazzjoni ta’ salvataġġ bdiet, iżda għadu kmieni wisq biex tikkonferma l-ammont ta’ persuni mweġġa’ u oħrajn li sfortunatament mietu.

Ħafna minn dawk li kienu affetwati huma turisti.

Il-vulkan White Island huwa fost l-aktar vulkani attivi fi New Zealand.