Ritratti: Bieb sekondarju fl-iskola tal-Fgura jitħalla miftuħ kmieni filgħodu

Sad-8.40am, il-bieb prinċipali tal-iskola Primarja fil-Fgura u bieb ieħor biswitu kienu għadhom miftuħin.
Il-bibien u l-kanċelli l-oħra mad-dawra tal-iskola, inkluż id-daħla għal-librerija pubblika, kienu kollha magħluqin.
Sa dak il-ħin kienu għadhom qed jaslu l-ġenituri bit-tfal li jattendu Skola Sajf.
Aktar tard għall-ħabta tad-8.50am, il-bibien kollha tal-iskola ingħalqu anka l-bieb biswit id-daħla prinċipali.
Ġenituri li waslu tard bit-tfal, spiċċaw fi kju jistennew biex xi ħadd jiftħilhom il-bieb.
Il-ħinijiet ta’ Skola Sajf huma mit-8.30am san-12.30pm, filwaqt li l-ħinijiet ta’ Klabb 3-16 huma mis-7 am sal-5pm.
Id-deċiżjoni li l-bibien kollha jingħalqu meta t-tfal jinġabru fil-klassijiet fl-iskola Primarja tal-Fgura waslet wara li Newsbook.com.mt irrapporta kif tifel ta’ tliet snin ħarab mill-iskola mingħajr ħadd ma nduna.
Jirriżulta li ħadd mis-support LSAs ma nduna li t-tifel ma marx lura lejn il-klassi wara li kien mar sat-toilet.
Huwa ħareġ peress li wieħed mill-bibien kien miftuħ.
It-tifel mexa tul it-triq u qasam Triq Hompesch sakemm instab minn raġel quddiem supermarket fi Triq is-Sur u ħadu l-għassa tal-pulizija.
Fuq RTK, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li bħal meta l-ġenituri jħallu l-bibien tad-djar magħluqa, tant ieħor għandhom jingħalqu l-bibien tal-iskejjel.
Sakemm isir ir-rapport dwar dan il-każ mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li apparti l-għeluq tal-bibien kollha, ingħatat struzzjoni lis-support LSAs biex fl-ebda raġuni t-tfal ma jitħallew waħedhom anke jekk iridu jmorru sat-toilet.
Jirriżulta li prattika simili diġà qed issir fi skejjel oħra iżda ma kinitx infurzata fl-iskola Primarja tal-Fgura.