Ritratti: “Biċċa minn murtal spiċċa fil-bitħa”

Mara spjegat kif parti minn murtal li waqa’ fil-bitħa tad-dar tagħha f’Ħal Tarxien seta’ kkawżalha traġedja.
Il-mara rrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt kif bintha rritornat id-dar f’ħin meta ma kien hemm ħadd, propju fit-2 ta’ Ġunju u sabet biċċa minn murtal fil-bitħa li kien għadu qed jaqbad.
Irrimarkat li fil-post fejn waqa’ l-parti mill-murtal kien hemm mejda u siġġijiet li setgħu jieħdu n-nar faċilment. Spjegat li kawża ta’ dan, barmil tal-plastik li kellha fil-bitħa ħa n-nar.
Spjegat li l-għan tagħha mhux li tħassar festi jew l-użu tal-murtali imma biex tqajjem kuxjenza dwar riperkussjonijiet li dawn jista’ jkollhom fuq ħaddieħor.
Qalet li kieku dan ġie viċin iċ-ċilindru tal-gass seta’ kkawża traġedja kbira.
Spjegat kif mal-akwati tad-dar tagħha niżlet xita ta’ karti li kienu għadhom qed jaqbdu kemm fuq il-karozzi kif ukoll fuq il-bjut u d-djar tan-nies.