Ritratti: Biċċa minn Malta inawgurata fil-qalba tal-Milied

Matul dan il-Milied, biċċa minn Malta se tkun ftit passi ‘il bogħod mill-post li fih twieled Ġesù Bambin.
Ilbieraħ ġie inawgurat il-presepju Malti li se jkun qed iżejjen Pjazza Maxtura f’Betlem, li f’dawn il-jien iżuruha eluf ta’ pellegrini.
Dan huwa l-istess presepju li s-sena li għaddiet kiteb l-istorja u żejjen il-Pjazza tal-Vatikan.
Il-presepju Malti, kien inħadem mill-artist Manwel Grech wara li l-abbozz tiegħu kien intgħażel f’kompetizzjoni li saret bil-għan li jintgħażel il-presepju tal-Vatikan.
Din kienet l-ewwel darba li l-presepju tal-Vatikan ġie mogħti minn stat barrani u mhux minn xi lokal fl-Italja.
Il-presepju għandu sbatax-il pastur, kollha b’kostum Malti, u għandu elementi Maltin fosthom ir-rieqed, l-għaġeb, ix-xabbatur u San Ġorġ Preca. Għandu wkoll girna u luzzu 
Hu stmat li tliet miljun turist fis-sena jżuru Betlem.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Valletta 2018, Deo Debattista u anke l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. 
Il-presepju artistiku se jkun għall-wiri sal-20 ta’ Jannar.