Ritratti: B’€50 imur u jqatta’ ġimgħa fin-Norveġja

Għal ħafna titqies bħala ġennata jew inkella xi ħaġa impossibbli. Imma għal Matt Cassar din kienet sfida li rnexxiet. Mar in-Norveġja u qatt ġimgħa hemmhekk b’€50! Anzi biex inkunu eżatti, b’€49.70.

Matt qalli li parti mis-suċċess ta’ din il-missjoni kien il-fatt li mar bil-mentalità li jirnexxi. Qal li meta tkun negattiv u tkun imbeżża’, ma jirnexxilekx tagħmel xi ħaġa bħal din.

Allura kif irnexxielu jsib fejn jorqod, jiekol u jinħasel?

“Sibt nies li kienu lesti li jgħinuni,” stqarr Matt, li għad għandu 23 sena.

Għalkemm din hija l-ewwel darba li għamel xi ħaġa hekk, iż-żagħżugħ kien diġà esperjenza xi ħaġa simili permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm televiżiv HazZzard li jixxandar fuq One.

Mhux faċli li dak li jkun jilqa’ f’daru stranġier biex jagħtih jiekol u joffrilu post fejn jorqod.

“Il-mentalità hija differenti. Għażilt in-Norveġja bi skop. L-ewwel ħaġa għax bħala post huwa expensive, it-tieni għax il-passaġġ bir-return kien irħis u t-tielet għax bħala pajjiż, dan huwa ‘safe’ ħafna.

L-avventura ta’ Matt ma kienitx sempliċi f’ġimgħa fin-Norveġja, iżda anki ffilmja dak kollu li għadda minnu biex issa jkun jista’ jipproduċi dokumentarju li se jkun qed itella’ fuq il-paġna tal-facebook tiegħu MattVenturesBlog.

Huwa fetaħ din il-paġna f’Jannar ta’ din is-sena u għalkemm s’issa wieħed isib dettalji dwar din l-avventura tiegħu, il-quddiem se jkun hemm aktar informazzjoni u viżwal ta’ aktar avventuri simili li huwa biħsiebu jagħmel.

Mill-budget ta’ €50 li kellu għall-vjaġġ tiegħu fin-Norveġja, Matt diġà kien nefaq €35 fuq il-passaġġ. Għalhekk issa kien fadallu biss €15, jiġifieri €2 għal kull jum li kien fadallu.

Kien imur fuq in-nies u jitkellem magħhom, iżda bl-ebda mod qatt ma tkarrab għall-għajnuna jew inkella kien ta’ xi piż fuq dawk kollha li laqgħuh.

Matt fil-fatt kien jagħmel meżż li mhux jieħu biss iżda wkoll joffri l-għajnuna tiegħu, bħal per eżempju meta sewwa r-rota ta’ waħda, jew inkella sajjar ikla tajba lil wieħed li kein laqgħu għandu.

Matt qalli kif darba minnhom mar jistaqsi għal xi ikel li tas-supermarket kien se jarmi, minħabba li jkun se jiskadi. Dan ma setax jagħtih l-ikel iżda spjegalu l-proċess li huma jarmu l-ikel.

Però Matt jistqarr li dan qabad l-ikel u poġġieh f’borża nadifa meta kien se jarmih u wara ż-żagħżugħ Malti mar jiġbru u sajjar ikla sew għalih u għal dak li kien qed joffrilu saqaf fuq rasu.

Nistaqsih x’ħa miegħu għal dan il-vjaġġ partikolari.

Jgħidli li kellu bagalja tal-idejn bi tlett tibdiliet ta’ ħwejjeġ.

Ġarr miegħu wkoll il-credit cards f’każ ta’ emerġenza, iżda qatt ma kellu għalfejn jagħmel użu minnhom.

L-avventura rnexxiet, però kif ħasbuha l-ġenituri tiegħu meta kien qalilhom x’kien se jagħmel?

“Missieri huwa aktar konservattiv imma ommi hija l-aktar avventuruża. Però sa ma wasl il-jum li nitlaq, it-tnejn li huma kienu entużjasti. Sħabi mill-banda l-oħra jirreferu għalija bħala “miġnun”.

U dawn l-istess sħabu issa se jmorru n-Norveġja huwa wkoll, bid-differenza li flok b’budget ta €50 se jkunu qed jonfqu €2,500!