Ritratti: Bdew l-ewwel attivitajiet ta’ Birgufest

L-attivitajiet għas-16-il edizzjoni tal-Birgufest bdew dalgħodu fid-9 ta’ filgħodu bi stedina lill-iskejjel kollha biex jipparteċipaw fl-inawgurazzjoni ta’ dan l-avvenimenti annwali.

Dawk l-istudenti li qed jattendu qed ikollhom tours madwar siti storiċi fil-Birgu.

Aktar tard matul il-ġurnata se jkunu qed jittellgħu bosta attivitajiet oħra fosthom il-programm vokali u strumental mill-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own mit-8pm ‘l quddiem. Dan se jsir f’Couve Porte.

Ukoll filgħaxija madwar il-Birgu se jkunu qed jittellgħu bosta attivitajiet oħra fosthom re-enactments, il-play Darbtejn Insiru Tfal, kif ukoll wirjiet ta’ Statwi Reliġjużi minn Marco u Clayton Agius, il-wirja ta’ fotografija Il-Birgu Minn Wara Lenti ta’ Gabriel Treeby Coleiro u l-wirja Il-Kult Antik tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Birgu, mill-Kummissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Illejla wkoll fil-Pjazza tal-Belt Vittoriosa se jkun qed jittella’ kunċert live. Fis-7.45pm wirja minn Xarulù u fid-9.30pm ikun imiss dak ta’ The Rock Trupers.