Ritratti: Baqgħu sakemm qatluha

Ħames xhur mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, persuni mhux identifikati reġgħu waħħlu strixxuni twal mat-toroq ewlenin ta’ Malta bil-kliem “Baqgħu sakemm qatluha”.
Dan il-messaġġ jirreferi direttament għal dawk kollha li b’xi mod kellhom x’jaqsmu mal-qtil makabru tal-ġurnalista Maltija nhar is-16 ta’ Ottubru 2017.
L-attivisti waħħlu wkoll strixxuni bil-kliem “Min qatel lil Daphne”, jistaqsu għal minn seta’ kien jew kienu dawk kollha involuti.
F’dan ix-xahar li għadda, l-Ewropa ħasset l-istess effetti li nħassu f’Malta f’Ottubru li għadda wara li fis-Slovakkja nqatel il-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak.
Iżda b’differenza minn Malta fis-Slovakkja kien hemm erba' reżenji ta’ persuni fl-ogħla karigi fil-pajjiż inkluż il-Prim Ministru Slovakk Robert Fico u ċ-Chief of Staff tiegħu.
It-Tnejn li għadda rriżenja l-Ministru tal-Intern Slovakk Robert Kaliňák filwaqt li l-ġimgħa li għaddiet irriżenja l-Ministru għall-Kultura Marek Maďarič u qal li għamel dan għax qal li ma jridx jiffaċċja l-assassinju ta’ ġurnalist waqt il-mandat tiegħu bħala Ministru.