Ritratti: Bandiera tal-Ażerbajġan ma’ monument fil-Furjana

Il-monument tal-indipendenza fil-Furjana sebaħ bil-bandier tal-Ażerbajġan f’idu hekk kif l-attivisti ta’ #Reżistenza komplew jgħaddu l-messaġġi tagħhom lil Kastilja.
L-attivisti koprew il-plakka eżistenti b’waħda ġdida li tgħid li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, li jirreferu għalih bħala l-”eċċellenza tiegħu El Kasco” huwa dak li qed imexxi l-pajjiż. Kasco huwa l-isem tal-grupp ta’ kumpaniji ta’ Schembri.
Fi stqarrija, l-attivisti spjegaw kif iż-żjara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia, fl-Ażerbajġan lura fl-2014 ma saritx fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Spjegaw li ma kienx fl-interess tal-pajjiż li l-Gvern jiffirma ftehim ta’ 18-il sena fejn Malta hija obbligata tixtri l-gas mill-Ażerbajġan minnflok mis-sors dirett.
Huma staqsew għaliex il-kumpanija Gasol kienet involuta, u kemm flus għamlu mill-bejgħ tal-ishma tal-Electrogas.
Staqsew min verament qed imexxi lil Malta. Irrimarkaw li minkejja li Malta hija stat sovran, fl-2018 l-impunita saret xi ħaġa ta’ kuljum u forzi oskuri qed jiddeterminaw il-futur tal-pajjiż.
Din mhix l-ewwel darba li l-attivisti għamlu xi ħaġa tat-tip. Ix-xahar li għadda waħħlu roulette mal-bieb tal-Ministeru għat-Turiżmu, filwaqt li huma dawk li ta’ spiss itellgħu sinjali madwar il-gżejjer Maltin jistaqsu għall-ġustizzja dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

https://platform.twitter.com/widgets.js