Attakk Strasburgu: “Id-demokrazija dejjem tegħleb il-vjolenza” – Tajani

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fetaħ il-plenarja tal-lum billi għadda messaġġ fuq l-attakk li ġara fi Strasburgu lbieraħ filgħaxija. Huwa qal li li minkejja dawn l-attakki terroristiċi li jsiru, id-demokrazija u l-libertà dejjem jirbħu fuq il-vjolenza, it-terroriżmu u atti kriminali.

Qal li dan huwa mument diffiċli għall-Ewropa kollha u f’isem l-Unjoni Ewropea, qal li juri solidarjetà ma’ Franza f’din it-traġedja. Fin-12.30pm, kien hemm minuta ta’ silenzju fil-Parlament Ewropew għall-vittmi tal-attakk, fejn 3 tilfu ħajjithom.

3 persuni jinsabu mejta u 12 imweġġgħa wara attakk terroristiku fi Strasburgu lbieraħ filgħaxija. 

Raġel li kien magħruf mal-awtoritajiet fetaħ in-nar fuq in-nies f’villaġġ tal-Milied fil-belt Franċiża għall-ħabta tat-8pm qabel ma ħarab.

Il-Ministru għall-Intern Franċiż Christophe Castaner ikkonferma li t-terrorist ħarab minn fuq il-post, u dan qajjem biża’ li se jkun hemm attakk ieħor. Castaner assigura lin-nies li l-istituzzjonijiet qed jagħmlu li jistgħu għas-sigurtà tal-pajjiż, billi qed iżidu l-livell ta’ sigurtà mal-fruntieri.

Is-suspettat huwa Cherif Chekatt ta’ 29 sena li hu mwieled fi Strasburgu stess, u li l-awtoritajiet kienu jafu bih. Huwa u jaħrab, spara għal fuq il-membri tas-sigurtà darbtejn, u qed issir tfittxija għalih.

Ir-raġuni għall-attakk għadha mhix magħrufa, u ħadd għadu ma ħa responsabbiltà għalih, iżda grupp ta’ investigaturi mill-Istati Uniti li jsegwu s-siti tal-jihadists qalu li dawk li jissapportjaw lill-Istat Iżlamiku kienu qegħdin jiċċelebraw.

L-MEPs Maltin li nzertaw kienu fi Strasburgu għax il-Parlament Ewropew qed jiltaqa’ hemmhekk din il-ġimgħa jinsabu qawwijin u sħaħ, skont ma qalet l-MEP Roberta Metsola lil Newsbook.com.mt. Il-Parlament issakkar u ħadd ma tħalla joħroġ.

Xi sorsi qalu li kienet saret tfittxija fid-dar tas-suspettat aktar kmieni lbieraħ, b’konnessjoni ma’ serqa li saret fis-sajf, iżda hu ma nstabx hemmhekk.

Il-Prim Ministru Malti wera d-dispjaċir tiegħu għal dan l-attakk fuq Twitter.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ikkundanna dan l-attakk terroristiku fi tweet.