Ritratti: Atletika – Bosta rekords ġodda fil-kampjonati nazzjonali

Ritratt: Wally Galea

Il-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika Cavalieri Art Hotel li saru fi tmiem din il-ġimgħa fl-istadium Matthew Micallef St John ipprovdew spettaklu mill-aqwa għad-dilettanti tal-isport b’wirja mill-aqwa minn numru ta’ talenti lokali. Waqt 30 avveniment, fi sħana kbira, inksiru xejn anqas minn 16-il rekord, li jfisser li f’aktar min-nofshom tniżżlu ismijiet, ħinijiet u distanzi ġodda fil-kotba tal-istorja.

Ċertament li l-aktar prestazzjoni li se tibqa’ mfakkra minn dawn il-Kampjonati kienet dik ta’ Janet Richards (Pembroke Athleta) li kisret ir-rekord tal-400m, li kien twaqqaf minn Tanya Blake 17-il sena ilu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu saru fi xtutna. Richards kellha wirja impekabbli u temmet it-tellieqa f’54.06s. Minkejja dan l-isforz, hija kellha l-enerġija biex tirritorna lura fuq it-trakka l-Ħadd b’rebħa oħra fil-200 metru.

Antonio Flores (Zurrieq Wolves) kompla jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu u kiseb żewġ rekords nazzjonali paralimpiċi kemm fit-T64 100m 100m (12.70s) u fil-200m (25.40). F’din tal-aħħar, kien biss 0.28 ta’ sekonda ‘l bogħod mill-ħin minimum ta’ kwalifikazzjoni meħtieġ biex jipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ Tokjo s-sena d-dieħla.

Daniel Saliba (Pembroke Athleta) fil-110m hurdles kiser it-tielet rekord nazzjonali din is-sena b’ħin ta’ 15.30 sekond. Saliba, li jitħarreġ u jikkompeti waħdu, għandu potenzjal kbir quddiemu u qed ifittex li jikkompeti f’avvenimenti internazzjonali biex javvanza fl-ispeċjalità tiegħu.

Jacob Elaida Chaffey (Starmax) kiseb it-tieni doppjetta f’sentejn fl-isprints b’10.74s fil-100m u 22.15s fil-200m. Carla Scicluna (Pembroke Athleta) rebħet il-100m tan-nisa, fejn għelbet atleti b’esperjenza ferm akbar minn tagħha, bl-aqwa ħin qatt irreġistrat minnha ta’ 12.11s. Ir-rivalità bejn Dillon Cassar u Charlton Debono kompliet fit-trakka, b’Cassar joħroġ rebbieħ bl-aqwa ħin personali tiegħu ta’ 14.59.10. M’hemmx dubju li din l-isfida se tiġġedded fit-toroq minn Ottubru li ġej fl-MAAA Road Running League.

Fi tmiem il-Kampjonati, il-President tal-MAAA, Andy Grech, viżibilment emozzjonat qal: “Il-futur tal-atletika lokali huwa inkoraġġanti ferm. Barra l-ammont impressjonanti ta’ riżultati pożittivi kellna wkoll żvilupp importanti għall-atletika f’pajjiżna. Ix-xandira diretta permezz ta’ live streaming ta’ dan l-avveniment ġabret entużjasti sportivi minn 21 pajjiż, b’aktar minn 3,000 jsegwu mill-qrib dawn il-kompetizzjonijiet. Din l-enerġija pożittiva ħeġġet aktar lill-atleti biex ħarġu l-aqwa tagħhom minkejja staġun mentalment u fiżikament tant iebes”.

Fl-edizzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali ta’ din is-sena nksiru wkoll għadd ta’ rekords tal-Kampjonati, li naturalment jinkludu r-rekords nazzjonali msemmija qabel. Ma’ dawn, kien hemm ukoll rekords għal Luca Martini (Rush) fil-hammer throw u mit-timijiet tar-relay tal-4×100, kemm f’tal-irġiel minn Rush AC, kif ukoll f’tan-nisa minn Pembroke Athleta.

Aktar minn hekk, inkisru wkoll għadd ta’ rekords fil-kategoriji tal-etajiet differenti, kif ġej:

AtletaKlabbKategorijaAvvenimentĦin/Distanza
Rachela PacePembroke AthletaU18Triple Jump11.87m
Sarah ChouhalRush ACU18Hammer Throw52.26m
u20400mh66.27
Jacob Elaida ChaffeyStarmaxU20100m10.74s
Mark  HerreraPembroke AthletaM351500m4.15.62
Peter AzzopardiPembroke AthletaM551500m4.46.66
Rachid ChouhalRushM45200m23.66s

Dan it-tagħrif twassal mill-Malta Amateur Athletic Association.