Ritratti: “Araw x’se nitilfu jekk jinbena ż-Żonqor”

Membri tal-Kamp Emerġenza Ambjent qed iqajmu kuxjenza fost il-membri tal-pubbliku u anke lill-Gvern dwar is-sbuħija naturali li se jitlef il-pajjiż jekk il-proġett tal-American University of Malta jiġi approvat.
Għalhekk, il-Kamp qed jagħmel ħiltu biex iwaqqaf l-applikazzjoni li tressqet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex fuq l-art naturali fiż-Żonqor titla’ binja privata daqs żewġ grawnds tal-futbol u nofs.
Waħda mill-inizjattivi tagħhom kienet li jorganizzaw barbecue ż-Żonqor stess, f’Wied il-Għajn, il-Ħadd li għadda, u fil-post infirex banner bil-kliem “Hands Off Żonqor”.
Residenti ta’ Wied il-Għajn u lokalitajiet viċin ukoll qed jieħdu l-eżempju tal-Kamp, hekk kif bdew iwaħħlu banners simili mad-djar tagħhom biex juru l-oppożizzjoni tagħhom għall-qerda t’ambjent naturali f’Wied il-Għajn.
Min jixtieq jappoġġa l-inizjattiva jista’ jibagħat e-mail fuq info@kampemergenzaambjent.org, sabiex jirċievi wieħed mill-islogans bil-Malti jew bl-Ingliż, li qed jintużaw fuq il-banners.