Ritratti: Ara x’għamlu r-residenti tal-Caritas għall-Karnival

Caritas Malta

Read in English.

Il-Ħadd li għadda l-komunitajiet residenzjali kontra l-abbuż ta’ droga fi ħdan Caritas Malta, iċċelebraw il-Karnival flimkien mal-familjari u t-tfal tar-residenti fiċ-Ċentru ta’ San Blas.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni kull komunità kellha tagħżel tema, tibni karru, jagħmlu l-kostumi minn materjali riċiklati u jħejju żifna. Għal din l-attività ħadu sehem erbat idjar; żewġ timijiet mill-programm ta’ San  Blas, tim mill-Prison Inmates Programme (PIP) u tim minn Dar Charles Miceli.

Permezz ta’ dawn il-karrijiet, ir-residenti rriflettew dwar is-sentiment ta’ xi tfisser li persuna tagħżel li terġa’ ssib lilha nnifisha wara li għall-perjodu ta’ żmien tkun tilfet triqitha.

It-temi tal-karrijiet kienu:

  • Prison Inmates Programme – Wind of Change –

Jien u sħabi flimkien dħalna programm għax konna qbadna n-niżla u l-karru li għamilna jirrappreżenta r-riħ tal-bidla.

  • Dar Charles Miceli – Life Line

Mill-mewt għall-ħajja, fl-inżul u t-tlajja’, sibna t-triq biex komplejna għall-ħajja.

  • San Blas A – Revivals

Għajn ta’ għajnuna u l-Caritas ħajjitna lura qed ituna.

  • San Blas B – Recovery is beautiful

Meta l-problemi rikbuna, ġejna l-Caritas u qed ifejquna

Preżenti għal din l-attività kien hemm il-kap ta’ San Blas Jeffrey Muscat, kif ukoll id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt. F’kelmtejn Muscat spjega kif din l-attività ta’ ċelebrazzjoni tgħin lir-residenti jagħrfu li l-vjaġġ għal ħajja differenti u r-riabilitazzjoni huma dak li jnisslu l-ferħ ta’ veru. Anthony Gatt rringrazzja lill-ħaddiema għax-xogħol tagħhom f’dawn iċ-ċentri u żied li dawn l-attivitajiet iwasslu messaġġ li biex persuni tiddeverti u tiċċelebra m’hemmx bżonn sustanzi.