Ritratti: Ara kif se tidher il-Primarja tar-Rabat Għawdex

Għawdex se jibbenefika minn skola primarja ġdida fir-Rabat li se tkun parti minn kumpless edukattiv flimkien mal-Middle School.

Kelliem għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) qal ma’ Newsbook.com.mt li l-pjanti għall-iskola jinsabu quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar (PA). L-iskola mistennija tiftaħ f’Settembru tal-2019, sentejn tard mid-data oriġinali. Skont is-sit tal-PA, il-proċess qiegħed fl-istadju ta’ screening.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) oġġezzjonat għall-bini tal-kumpless kif propost f’Marzu tal-2018. Fost l-oħrajn is-CRPD qalet li l-faċilitajiet sanitarji mhumiex konformi mar-rekwiżiti tal-aċċessibilità. Talbet ukoll biex ċertu entraturi jiġu indikati fuq il-pjan.

F’Marzu l-Unjin tal-Għalliema (MUT) żvelat li l-pjan li ssottomettiet l-FTS lill-PA mhux qed jipproponu bini ta’ skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, iżda li jestendu l-binja eżistenti tal-Middle School. Il-Partit Nazzjonalista qal li fir-Rabat Għawdex il-Gvern se jagħmel biss estensjoni li tgħarraq l-ambjent tal-middle school.

Petizzjoni mill-għalliema

L-għalliema tal-Middle School fir-Rabat Għawdex, li huma kontra l-bini ta’ skola ġdida fil-kumpless sportiv ta’ Triq l-Ewropa, kienu ffirmaw petizzjoni u bagħtu ittra lill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex jgħaddulu l-ilmenti tagħhom.

Fl-aħħar ta’ Awwissu, il-Partit Laburista (PL) qal li l-Gvern għadu kommess li jibni skejjel ġodda fil-Qawra, f’Wied il-Għajn, fir-Rabat (Għawdex), u fl-Imsida.