Ritratti: Ara kif se jidher il-palk ta’ Sanremo

Ritratt: Uffiċċju stampa RAI

Ninsabu ftit ġranet biss ‘il bogħod mis-70 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo li se jittella’ fit-teatru tal-Ariston b’xandira diretta fuq l-istazzjon Taljan Rai Uno bejn l-4 u t-8 ta’ Frar. Kollox hu lest u issa ġie żvelat ukoll kif se jkun qiegħed jidher il-palk li fuqu se tkun qed tittella’ din l-edizzjoni li qed titqies bħala waħda storika li se tkun qed twassal ukoll is-70 sena ta’ storja ta’ dan il-festival li minnu ġie inspirit il-festival tal-Eurovision Song Contest.

Matul dawn il-ħames serati tal-festival ta’ Sanremo se jkunu qed jitilgħu ukoll fuq il-palk bosta kantanti li missew ma’ Sanremo tul is-snin, fosthom il-koppja ferm maħbuba Al Bano u Romina Power, kif ukoll artisti oħra bħal Ornella Vanoni u Rita Pavone.

Ritratt: Uffiċċju stampa RAI

Il-palk ġie ddisinjat minn Gaetano Castelli li ħa ħsieb il-palk ta’ Sanremo f’diversi edizzjonijiet fl-imgħoddi, bl-aħħar waħda tiegħu tkun l-edizzjoni tal-2012.

L-orkestra bħal dejjem se tkun qed tilgħab parti importanti tal-festival u postha se jkun b’mod viżibbli fuq il-ġnub tal-palk biex b’hekk ikunu jistgħu jinħolqu wkoll effetti fuq il-palk.

Id-direzzjoni viżiva tal-festival se tkun f’idejn Stefano Vicario, li diġà kien idderieġa erba’ edizzjonijiet oħra fil-passat, dawk tal-2004, tal-2005, tal-2009 u l-aħħar waħda tiegħu dik tal-2012.

Ritratt: Uffiċċju stampa RAI

Id-direzzjoni artistika tal-festival hija ta’ Amadeus, li wkoll se jkun wieħed mill-preżentaturi fuq il-palk.

Fuq l-istazzjon Rai Uno qabel kull serata ta’ Sanremo se jitwassal ukoll il-programm qasir Primo Festival, filwaqt li wara kull edizzjoni se jkun hem mil-programm Dopo Festival.