Ritratti: Ara kif jidhru l-karozzi ġodda tal-Pulizija

Għaxar karozzi ġodda tad-distretti tal-Pulizija b’disinn ġdid ġew inawgurati quddiem l-għassa tal-Mellieħa.
L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Pulizija Angelo Gafá qal li l-okkażjoni kienet waħda simbolika għax permezz ta’ dan it-tibdil qed tinħoloq uniformità fil-Korp.
Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li l-Korp se jkun għaddej minn bidliet sostanzjali fix-xhur li ġejjin, u dan il-proċess se jwassal biex il-membri tal-Korp ikunu aktar viċin in-nies.
Farrugia qal li fl-aħħar xhur ġew introdotti proġetti pilota fejn urew li t-tisħiħ tal-preżenza tal-Pulizija f’ċerti hotspots taw rizultati pożittivi biex titnaqqas il-kriminalità. Hekk ukoll fejn jidħol target policing biex jiġu identifikati u arrestati persuni involuti f’ċertu tipi ta’ kriminalità. Fl-istess ħin qal li jrid jissaħħaħ il-community policing mhux biss billi jiżdiedu l-għassa bil-mixi, imma wkoll biex in-nies infushom jieħdu l-inizjattivà biex tissaħħaħ il-kommunità fejn jgħixu.
L-għaxar vetturi ġodda tad-distretti jinkorporaw l-branding il-ġdid tal-Korp tal-Pulizija. Dawn swew €130,000. Hemm pjan biex jinxtraw 50 oħra.
Il-Kappillan tal-Korp tal-Pulizija Dun Raymond Bonnici bierek il-karozzi l-ġodda.
Ritratti: MHAS