Ritratti: Ara kemm il-kilo skart ġabru l-istudenti ta’ San Andrea

L-iskola San Andrea

L-iskola Indipendenti San Andrea dalgħodu organizzat il-mixja annwali tagħha flimkien l-istudenti u l-għalliema. Tul din il-mixja nġabru 159kg ta’ skart. Din l-attività hija organizzata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru fil-ġurnata ddedikata lill-qaddis ta’ din l-iskola.

Din is-sena l-attività ħadet xejra oħra hekk kif waqt il-mixja l-istudenti ġabru kull tip ta’ skart li ltaqgħu miegħu bil-għan li joħolqu kuxjenza dwar kemm hu importanti li nibżgħu għall-ambejnt u nisseparaw l-iskart b’mod resposabbli.

Din l-iskola qed tagħmel l-almu tagħha biex bl-eżempju twettaq dak li wieħed ħafna drabi jippriedka. L-għan ta’ din l-iskola huwa li l-istudenti jkunu ċittadini attivi u jkunu parti mill-bidla fl-ambjent ta’ madwarna. L-istudenti ngħataw ingwanti kif ukoll għodda apposta biex biha jinġabar l-iskart biex kemm jista’ jkun jipproteġu it-tfal minn kull periklu. Din l-attività ħadet il-forma ta’ kompetizzjoni bejn l-istudenti.

Din hija biss attività waħda li din l-iskola qed tagħmel favur l-ambjent. Newsbook.com.mt tkellem ma’ għalliema f’ din l-iskola dwar din l-attività. Hija spjegat kif f’kull parti tal-iskola hemm bins apposta li fihom jisseparaw l-iskart kif ukoll qed jagħmlu kampanja kontra plastik li jintuża darba biss.

Kuljum l-iskola tħeġġeġ lill-istudenti biex jkollhom fliexken u affarijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw kif ukoll tħeġġeġ biex ir-rigali jiġu miksija f’karti kannella. L-iskola tgħallem lill-istudenti dwar kif għandhom inaqqsu l-plastik mhux biss jirriċiklaw. L-iskola San Andrea għaddejja b’ kampanja biex jiġbru it-tappijiet għall-Istrina u l-kontenituri tal-kafè jitbattlu biex jintuzaw għall-kompost.

L-iskola tħeġġeġ biex kull skola tieħu inizjattivi bħal dawn u tħeġġeġ lill-istudenti jkunu ċittadini attivi u jħarsu l-ambjent.