Angele Camilleri, il-kunsilliera inkarigata mill-qasam soċjali f’Ħaż-Żabbar, tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha biex tgħin dawk li huma fil-bżonn.
L-aktar appell riċenti huwa dak għal bżonn ta’ kċina hekk kif fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook Camilleri tellgħet ritratti tal-kċina preżenti li din l-anzjana għandha bħalissa.
“Ejja nsibu kċina lil din l-anzjana miskina. Għax li kelli dalgħodu lħaqt tajtha,” kitbet hi waqt li appellat biex in-nies li qed jaraw dan il-messaġġ jixxerjaw il-post tagħha bil-għan li xi ħadd jgħin lill-anzjana.
“Nixtieq naqla’ tiegħi u nagħthielha,” kompliet tikteb Camilleri.
Jekk hemm xi ħadd interessat li jgħin lill-kunsilliera Żabbarija tgħin lill-anzjana għandu jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Angele Camilleri u jibgħatilha messaġġ.