Ritratti: Angelina Jolie u Brad Pitt f’Għawdex se jiffilmjaw fid-drenaġġ?

Fl-inħawi fejn Angelina Jolie u Brad Pitt se jqattgħu ġimgħat sħaħ għall-ġbid ta' film fi Mġarr ix-Xini f'Għawdex, qed inixxi d-drenaġġ.
Għaddasa li tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu kif fl-aħħar jiem marru jgħoddsu f'Ras il-Ħobż, fejn hemm l-Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ, u li minn dak li raw jidher li qed inixxi d-drenaġġ minn pajp li jagħti għall-baħar. Żiedu jgħidu li minħabba l-ilma kontaminat fuq l-art, hemm ħafna nemus. Spjegaw kif anke "l-kwalità tal-baħar kienet diżastru, qigħ il-baħar kien isfar u l-viżibiltà hi fqira ħafna." Sostnew li dan huwa wieħed mill-isbaħ postijiet għall-għadis u li d-drenaġġ jintefa' fil-baħar qabel ma jiġi trattat, imur kontra r-regolamenti Ewropej. Qalu li qabel ma' nbena dan l-impjant, ma kinux jistgħu jmorru jgħoddsu fl-inħawi, iżda "issa hija ħasra li ma jistgħux għax jeżistu l-faċilitajiet kollha." 
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għal Għawdex, li rreferewna għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. S'issa Newsbook.com.mt għadu ma rċeviex risposta dwar jekk it-tnixxija tad-drenaġġ fuq l-art hix relatata ma' xi ħsarat fl-impjant tad-drenaġġ. 
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma' Mark Busuttil, li jmexxi ċentru tal-għadis fix-Xlendi, li min-naħa tiegħu qal li wara li reġgħu lmentaw mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, nhar it-Tlieta qalulhom li se jagħmlu test ieħor taħt il-baħar biex tiġi identifikata l-problema. 
Enfasizza li l-problema trid tissewwa malajr kemm jista' jkun għax ġieli l-għaddasa saħansitra jsibu l-ħmieġ f'wiċċ il-baħar. 
Mark Busuttil sostna li dan żgur hu relatat mal-impjant jew inkella mal-pipeline li minnu joħroġ id-drenaġġ trattat, fil-fond ħafna. Qal li l-problema tista' tkun jew tnixxija mill-pajp jew inkella blockage. Spjega kif din mhix l-ewwel darba li qed jaffaċċjaw din il-problema, u li din id-darba ilha għaddejja madwar xahar.
Ritratti fuq: info@newsbook.com.mt