Ritratti: Aktar minn 70 toppu għall-karità

Aktar minn 40 tifla qatgħet xagħarha għall-karità waqt il-maratona Dare with your hair, bl-iżgħar tifla għandha erba’ snin.
Il-maratona għadha għaddejja bħalissa fl-iskola tal-primarja tal-kulleġġ ta’ Santa Tereża fl-Imsida.
Waħda mill-organizzaturi, Angela Grech qalet ma’ Newsbook.com.mt li s’issa għandhom iktar minn 70 toppu.
Dan ifisser li ftit iktar minn 20 adult ħa riskju u qata’ xagħaru.
Hi spjegat li bħala skola xtaqu jieħdu l-inizjattiva biex jgħinu lil dawk il-persuni ftit inqas ixxurtjati minnhom, u wara li ressqu l-proposta tagħhom lill-kap tal-iskola u tal-kulleġġ setgħu jibdew jaħdmu fuq din l-attività.
Kull min għandu xagħar naturali u miżbugħ jista’ jaqtgħu, l-aqwa li ma jkunx bleached, u x-xagħar trid tkun minn tal-inqas twila 18-il ċentimetru.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fetħet il-maratona dalgħodu billi qatgħet l-ewwel toppu. Il-maratona se tibqa’ għaddejja sal-4pm.
Ix-xagħar u d-donazzjonijiet miġbura se jmorru għal Malta Community Chest Fund