Ritratti: 83 rekluta ġdid għall-Forzi Armati ta’ Malta

AFM Recruits

Il-Forzi Armati ta’ Malta għadhom kemm laqgħu fi ħdanhom 83 rekluta ġdid, fosthom 10 nisa u tmien Għawdxin.
Fis-7am illum, ir-rekluti ġodda nġabru quddiem il-grada tal-Barracks ta’ Ħal Luqa wara li temmu b’suċċess il-proċess ta’ selezzjoni li jikkonsisti f-test tas-saħħa fiżika u test bil-kitba, intervista u eżami mediku.
Fl-ewwel ġurnata tal-karriera tagħhom fl-armata, ir-rekluti ħadu ġurament ta’ lealtà għaċ-ċittadini, ir-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni.
Fil-ġimgħat li ġejjin, ir-rekluti se jingħataw l-għodod neċessarji sabiex ikunu ta’ suċċess fil-karriera tagħhom permezz ta’ taħriġ fiżiku, skill-at-arms u drill fost oħrajn.
Issa r-rekluti se jkunu qed jiġu ttestjati moralment, kif ukoll abbażi tal-kwalitajiet bħala tim, motivazzjoni, tmexxija u determinazzjoni.
Wara li jirċievu l-bqija tat-taħriġ neċessarju, jingħataw pożizzjoni f’waħda mid-diversi units tal-AFM skont l-eżiġenzi tas-servizz.
Ritratti: Forzi Armati ta' Malta