Ritratti: “75 sena ilu qatlulna 4 Lawrenzjani, illum…”

Ġermaniża li tgħix f’Għawdex ingħaqdet mal-Lawrenzjani, hekk kif ilbieraħ fakkru l-75 anniversarju mill-avveniment traġiku tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn f’wieħed mill-attakki mill-Ġermaniżi, inqatlu erba’ nisa, fosthom mara li kienet qed tistenna tarbija.
Fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Awwissu, omm flimkien maż-żewġ ulieda u qariba tagħha, inqatlu innoċentament f’dak li kien l-aħħar vjaġġ tagħhom lejn ix-xelter.
Għall-ewwel, il-Ġermaniża ħassitha skomda li tattendi għal ċelebrazzjoni bħal din, meta kien il-poplu li tagħmel parti minnu li ħasad il-ħajja ta’ dawn il-persuni.
Madanakollu, bagħtet ittra lil Noel Formosa, is-Sindku ta’ San Lawrenz, u spjegat li kien biss tliet snin ilu, li saret taf b’dak li ġara lill-erba’ nisa fi Triq ir-Rokon.
Esprimiet id-dieqa tagħha u kif għalkemm mhix direttament ħatja għal dak li wettqu fit-Tieni Gwerra Dinjija, tħossha responsabbli. Stqarret li dak kien wieħed mill-mumenti, li seħtet il-fatt li hi Ġermaniża u kif sfortunatament hi parti mill-poplu ‘qattiel’.
Il-mara, li fil-passat ħadmet f’inizjattivi ta’ paċi kontra l-vjolenza u r-razziżmu fil-Ġermanja, staqsiet lis-Sindku jekk peress li hi Ġermaniża tistax tattendi għaċ-ċerimonja tal-75 anniversaju u tpoġġi fjuri u xemgħa quddiem il-monument.  Enfasizzat li kien hemm ċans kbir li ħadd ma jagħraf li hi Ġermaniża, għax m’għandhiex fattizzi li ‘jikxfuha’. Iżda saħqet li ma trid tweġġa’ lil ħadd, u li m’għandhiex problema li tmur wara, meta jkun spiċċa kollox.
Minkejja dan, is-Sindku ta’ San Lawrenz kien pront weġibha, li jekk tattendi għall-kommemorazzjoni, “tkun l-isbaħ ħaġa”.  Qalilha li l-erba’ nisa linqatlu huma parti mill-familja tiegħu, proprjament iz-zijiet ta’ ommu.
Saħaq li m’għandhiex għax tħossha ħatja, u fakkarha li llum il-Ġermanja hija wieħed mill-aktar pajjiżi li jaħdmu għall-paċi.
Barra minn hekk, l-Ambaxxatriċi Ġermaniża għal Malta bagħtet bukkett fjuri, minħabba li ma setgħetx tattendi għaċ-ċerimonja.