Ritratti: 600 persuna jattendu għall-ikla tal-Milied tal-Caritas

Read in English.

600 persuna, fosthom 90 voluntier, attendew għall-ikla annwali tal-Caritas Malta f’jum il-Milied. Din l-ikla ssir għal dawk il-persuni li kienu se jispiċċaw jqattgħu l-Milied tagħhom waħdehom.

Marika Cassar, mill-Caritas Malta spjegat li din is-sena kien hemm żieda fil-persuni li attendew għall-attvità minn fuq is-sena ta’ qabel. Irrimarkat, li filwaqt li l-attività ssir f’jum il-Milied, il-preparazzjonijiet għaliha jkunu ilhom għaddejjin għal ħafna ġimgħat qabel.

L-avveniment li jsir fil-Kurja tal-Arċisqof, ilbieraħ laħaq il-massimu ta’ kemm persuni joqgħodu fis-sala fejn issir l-ikla. Cassar spjegat filwaqt li ġeneralment l-ikla tkun miftuħa għal dawk li jinsabu waħedhom, iżda għaliha jattendu wkoll persuni li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli għax ma jkollhomx biżżejjed flus biex ilaħħqu mal-ħajja. Semmiet każ partikolari ta’ single mother ta’ żewġt itfal li ma kinitx se tkun tista’ torganizza ikla sabiħa għal uliedha f’dan il-jum speċjali għal ħafna.

L-Arċisqof Charles Scicluna attenda għal din l-ikla.

Cassar qalet li fost dawk li attendew kien hemm madwar 18-il tifel u tifla li kollha rċevew rigal ċkejken għall-Milied. Kien hemm ukoll minn offra li jmur jagħmel il-face painting għal dawn it-tfal.

Qalet li dawn il-persuni ma jintesewx wara l-ikla. L-ikla sservi bħala mod ta’ kif il-Caritas issir taf min huma dawn il-persuni u matul is-snin iżommu kuntatt magħhom.

Cassar irringrazzjat lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu sabiex dan l-avveniment ikun jista’ jsir realtà. Fosthom, l-istaff u l-voluntiera li jagħżlu li jqattgħu il-Milied tagħhom ma’ dawn il-persuni. Irringrazzjat ukoll lil The Alfred Mizzi Foundation li pprovdiet l-ikel kollu għan-nies u anke attendiet l-ikla u serviet lin-nies, lill-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li jospitaw dan l-avveniment u lil St Peter’s Foundation li ħallset l-ispejjeż tal-materjal li ntuża’ minflok plastik.

Cassar irrimarkat li Caritas Malta ħadet id-deċiżjoni li ssegwi l-passi tal-Knisja u jiġi eliminat l-użu tal-plastik b’mod sħiħ għall-ħarsien tal-ambjent.

Intant, il-voluntiera dalgħodu reġgħu marru lura l-Kurja sabiex inaddfu s-sala li ntużat għall-ikla.