Ritratti: 600 Malti qrib tal-kor personali tal-Papa

600 persuna lbieraħ attendew bi ħġarhom għall-kunċert mill-Kor Cappella Musicale Pontificia Sistina, li hu l-kor personali tal-Papa Franġisku, li sar fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.
Newsbook.com.mt tkellem mas-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross li kellu sehem kbir fl-organizzazzjoni tal-kunċert.
Pace Ross iddeskriva l-kunċert bħala meraviljuż u li ġie esegwit b'mod perfett.
Stqarr li l-Konkatidral ta' San Ġwann joffri ambjent perfett għal din it-tip ta' mużika. Ikkwota wkoll dak li qal l-Arċisqof Charles Scicluna, li s-siltiet mużikali fil-kunċert, imorru 450 sena ilu, fi żmien meta kien qed jinbena l-istess Konkatidral.
Michael Pace Ross żied jgħid li flus mill-bejgħ tal-biljetti għall-kunċert se jmorru biex ikopri parti biss mill-ispejjeż ta' kunċert ta' dan it-tip.
Il-kunċert ittella’ mill-Arċidjoċesi ta’ Malta b’korteżija tal-Victoria International Arts Festival, u bl-appoġġ tal-Bank APS, il-Kunsill Malti għall-Arti u t-Teatru Manoel.
Ritratti: Ian Noel Pace