Ritratti: 6 atleti tat-triathlon itemmu b’suċċess training camp fis-Serbja

Tim ta’ sitt atleti żgħażagħ Maltin riċentement attendew training camp internazzjoni tat-triathlon organizzat mill-International Triatlon Union fis-Serbja. It-tim Malti kien compost minn Emilia Vella, Pia Zammit, Callie Hock, Pavel Dalli, Gabriel Bongailas u Sean Darmanin, li kollha jitħarrġu mal-akkademja tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon, il-MYTA – Malta Youth Triathlon Academy, li hi proġett bi sħab ma’ SportMalta u l-European Triathlon Union. Żewġ coaches ta’ Level 2, Maria Mizzi u Barry Farrugia, akkumpanjaw lil-atleti. It-Taħriġ kien maqsum bejn il-belt ta’ Kragujevac u l-kapitali, Belgrad.

Tul dan it-taħriġ, l-atleti Maltin kellhom l-opportunità li jittrenjaw taħt uħud mill-aqwa coaches tat-triathlon għaż-żagħżagħ fl-Ewropa. Magħhom kien hemm ukoll atleti mhux biss mill-Balkani u l-Lvant tal-Ewropa imma minn diversi pajjiżi oħra fejn it-triathlon qed jiżviluppa. Il-coaches Maltin kienu involuti wkoll billi ħejjew u mexxew uħud mis-sezzjonijiet għall-grupp kollu tal-atleti tul il-kamp.

Fi tmiem dan il-kamp, l-atleti Maltin ħadu sehem f’tellieqa internazzjonali tal-Aquathlon f’Belgrad. Il-Maltin kellhom riżultati pożittivi u prattikament kollha spiċċaw fl-ewwel għaxar postijiet. L-aħjar post inkiseb minn Sean Darmanin li spiċċa fit-tieni post overall fil-kompetizzjoni tal-irġiel.

Cyprian Dalli, President tal-Federazzjoni stqarr li għalkemm xi atleti Maltin ilhom jitilgħu għal dan it-tip ta’ taħriġ, din kienet l-ewwel darba fejn tela’ tim ta’ sitt atleti u żewġ coaches. Hu stqarr li fl-aħħar qed jinqgħata l-frott mill-investiment li għamel il-MYTA f’dawn l-aħħar sitt snin.