Ritratti: 55kg kannabis fuq lanċa; 3 arrestati

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Read in English.

3 irġiel ġew arrestati wara qabda ta’ 55kg kannabis fuq lanċa tas-sajd f’Wied il-Għajn.

It-tliet persuni huma Taljani, ta’ 34 sena, 35 sena u 54 sena, kollha residenti Malta. Il-ħidma saret mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistit mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU).

Dawn iċċirkondaw il-lanċa Ll-Erbgħa wara nofsinhar, u wieħed mill-persuni abbord, malli lemaħ il-Pulizija, qabeż il-baħar iżda ġie arrestat millewwel, waqt li ġiet arrestata l-persuna l-oħra li kienet fuq il-lanċa. Qiegħed jinżamm ukoll mill-Pulizija raġel ieħor li kien qiegħed jistenna l-lanca titrakka mal-moll.

Il-55kg droga kannabis instabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp, li kienu moħbijin f’partijiet differenti tal-lanċa. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kienet tlaħħaq is- €750,000. Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont zgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.