Aġġornata: 191 kunsillier ġdid fil-Kunsilli Lokali

DOI - Jason Borg

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ġew eletti 191 kunsillier ġdid li 63 minnhom huma nisa.

Bonnici kien qed jitkellem waqt iċ-ċerimonja tal-ħatra hekk kif 464 kunsillier ġdid ħadu l-ġurament bħala kunsilliera aktar kmieni llum wara li ġew eletti fl-elezzjoni li saret fil-25 ta’ Mejju li għadda. Iktar ‘il quddiem, is-sindki u l-viċi sindki se jkunu qed jieħdu l-ġurament tagħhom f’din il-kariga. Din iċ-ċerimonja saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.

Għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti l-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Kommunitajiet Silvio Parnis. Fl-elezzjoni li għaddiet ġew eletti 343 kunsillier raġel u 121 mara.

F’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Laburista rebaħ 47 Kunsill Lokali filwaqt li l-Partit Nazzjonalista rebaħ 19. Żewġ kunsilli għadhom iridu jiġu deċiżi. Matul din iċ-ċerimonja 268 kunsillier f’isem il-Partit Laburista, 192 f’isem il-Partit Nazzjonalista u erba’ indipendenti ħadu l-ġurament tal-ħatra u se jibdew il-ħidma tagħhom fl-1 ta’ Lulju li ġej.

Aqra: 47 lokalità jintrebħu mill-PL; 19 mill-PN; 2 indeċiżi

Matul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-ħidma fil-Kunsilli diġà bdiet hekk kif dawk li ġew konfermati qed ikomplu fejn ħallew u dawk eletti ġodda jinsabu ħerqana biex iservu l-lokalitajiet tagħhom. Muscat kompla li ”din il-ġurnata hija importanti aktar għax hija tfakkira tar-responsabilità li dħaltu għaliha, li kontu lesti li tagħmlu l-pass u terfgħu għax tridu tkunu minn ta’ quddiem nett fil-komunitajiet rispettivi tagħkom. Li tkun sindku, viċi-sindku, minority leader, kunsilliera huwa privileġġ li jkunu tawk in-nies, li jkun fdawk biex tieħdu ħsieb l-ambjent li jgħixu fih huma u uliedhom ta’ kuljum”.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li dan il-ġurament jirrappreżenta r-responsabbiltà li l-Kunsillieri l-ġodda se jkollhom sabiex ikomplu jtejbu l-lokalitajiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Żied li r-riforma li għamel il-Gvern titwettaq biss jekk dawk kollha eletti jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-ġid tal-lokal u tar-residenti.