Ritratti: 41 mejta wara li ajruplan ħa n-nar f’ajruport fir-Russja

Reuters

41 persuna, fosthom 2 itfal, abbord ajruplan tal-linja tal-ajru Russa Aeroflot inqatlu nhar il-Ħadd wara li l-ajruplan qabad bin-nar meta niżel b’emerġenza fl-ajruport ta’ Moska. 37 persuna salvaw wara li ħarbu minn fuq l-ajruplan.

L-ajruplan kien sejjer minn Moska lejn Murmansk, belt fit-Tramuntana tar-Russja. Kellu abbord 73 passiġġier u 5 membri tal-ekwipaġġ.

Filmati televiżivi wrew l-ajruplan tat-tip Sukhoi Superjet 100 jinżel fuq it-tarmak b’diffikultà fl-ajruport Sheremetyevo qabel ma qabdet il-parti ta’ wara tal-ajruplan. Ħafna passiġġieri abbord it-titjira SU 1492 imbagħad ħarbu mill-ħarġiet t’emerġenza. Għadha ma tħabbritx uffiċjalment il-kawża għal dawn in-nirien.

Il-Kumitat Investigattiv qal li beda jinvestiga, u qed jiċċekkja jekk xi ħadd mill-bdoti kisirx ir-regolamenti tas-sigurtà. Xi passiġġieri taw it-tort lit-temp u s-sajjetti.

Passiġġier li salva qal, “Tlaqna u kien hemm sajjetta li laqtet lill-ajruplan,” skont il-gazzetta Komsomolskaya Pravda. Żied jgħid li l-ajruplan dar lura lejn l-ajruport u niżel mal-art b’diffikultà. Il-passiġġieri bdew jibżgħu, u wħud minnhom bdew jintilfu minn sensihom.

Il-President Vladimir Putin u l-Prim Ministru Dmitry Medvedev esprimew il-kondoljanzi tagħhom mal-familji tal-vittmi u ordnaw lill-investigaturi biex jistabbilixxu x’ġara eżattament.