Ritratti: 40 biċċa tal-arti għall-Istrina Contemporary Fine Arts Auction 2020

Aktar minn 40 biċċa arti b’varjetà ta’ materjali, tekniki u stili li ngħataw b’donazzjoni minn artisti Maltin għal-L-Istrina Contemporary Fine Arts Auction ta’ din is-sena se jinbiegħu b’irkant b’risq The Malta Community Chest Fund Foundation nhar is-Sibt li ġej, it-12 ta’ Diċembru 2020. Dan l-avveniment annwali se jixxandar dirett fuq Television Malta eżatt wara l-aħbarijiet tat-8pm matul edizzjoni speċjali ta’ siegħa u nofs tal-programm ‘Niskata’, ippreżentat minn Angela Agius.

Il-pubbliku jista’ jagħmel offerta online għal dawn l-opri tal-arti permezz tal-websajt għall-irkantar https://www.mccf-fineartsauction.com.  

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tippromwovi aktar għarfien dwar l-arti u d-diversi xogħlijiet ippreżentati minn artisti Maltin. Mistednin speċjali se jikkummentaw dwar l-għażla tax-xogħlijiet tal-arti li se jkunu qed jiġu ppreżentati u dwar it-tekniki użati sabiex jiġi inkuraġġit aktar apprezzament tal-arti, tal-artisti u tax-xogħlijiet tagħhom. 

L-Istrina Contemporary Fine Arts Auction 2020 hija ġentilment appoġġata minn Belgravia Auction Gallery u ArtzID – il-pjattaforma Maltija għall-arti viżiva.

Dan it-tagħrif twassal mill-Uffiċċju tal-President.