Ritratti: 4 strutturi perikolużi ilhom hemm ix-xhur; skiet mill-awtoritajiet

Minkejja li l-awtoritajiet ilhom ix-xhur jafu b’diversi strutturi perikolużi madwar Malta, il-periklu hemm kien u hemm għadu.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm strutturi perikolużi f’seba’ lokalitajiet differenti. Qalet li l-Pulizija poġġiet barrikati madwarhom bħala miżura ta’ sigurtà għall-pubbliku. Spjegat li dawn jitħallew fuq il-post sakemm ikun tneħħa kull periklu.

Lura f’April, il-kelliema qalet li hemm il-periklu fis-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi, f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbug, fi Triq iċ-Ċawsli f’Ħaż-Żabbar, fi Triq iż-Żonqor f’Wied il-Għajn, madwar dar f’Ħal Luqa, fi Triq Manwel De Vilhena f’Għajnsielem, u fi Triq Santa Marija f’Marsalforn.

Dan ix-xahar Newsbook.com.mt żar erba’ minn dawn il-postijiet biex jara jekk kienx hemm xi żviluppi.

Ħaż-Żabbar

Dan il-periklu f’Ħaż-Żabbar jinsab ħdejn l-Għassa tal-Pulizija.

Wied Qirda

Wied il-Għajn

Is-Salib tal-Għolja

Minn informazzjoni miksuba mill-Pulizija, joħroġ li l-barrikati fis-Siġġiewi ilhom hemm madwar sena u nofs, ta’ Ħaż-Żabbar tmien xhur, ta’ Ħaż-Żebbuġ 11-il xahar, u ta’ Wied il-Għajn tmien xhur. Sa April li għadda ta’ Ħal Luqa kien ilhom hemm ħames xhur u ta’ Għawdex kien ilhom mill-2017.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u lill-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (BRO) dwar x’qed jistennew biex ineħħu l-periklu u dwar x’valur għandha l-ħajja tal-bniedem għalihom fid-dawl tal-inċidenti relatati mal-bini li kien hemm fl-aħħar xhur. Il-PA qatt ma wieġbet il-mistoqsijiet. F’email mibgħuta awtomatikament, il-BRO qalet li l-messaġġ ta’ Newsbook.com.mt wasal u li “qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa”.

Fl-2018, wara madwar disa’ xhur tneħħiet struttura perikoluża li kienet ċentrimetri ‘l bogħod minn bus stop f’Santa Venera. Xi xahar wara li Newsbook.com.mt beda jistaqsi lill-PA dwar il-każ, il-periklu tneħħa. Il-periklu kien ilu hemm minn Frar.

Wara 9 xhur jitneħħa periklu ċentimetri bogħod minn bus stop

F’Ġunju li għadda ġġarraf ħajt ta’ blokka appartamenti fi Gwardamanġa, ħdejn sit ta’ kostruzzjoni.

Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Fl-istess xahar kienet waqgħet binja fil-Mellieħa. Mara nstabet qalb it-tifrik imma rnexxielha ssalva.

Filmat: Tinstab ħajja l-mara vittma tat-tiġrif fil-Mellieħa