Ritratti: 3 arrestati fuq allegat traffikar tad-droga

Tliet persuni ġew arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga lbieraħ.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-arresti saru f’żewġ operazzjonijiet separati.

Fl-ewwel ħidma pulizija segwew vettura f’Birżebbuġa. Għall-4pm il-vettura ġiet imwaqqfa u x-xufier tagħha, raġel ta’ 24 sena resident Ħaż-Żabbar ġie arrestat. Saret tfittxija tal-vettura u nsab ammont konsiderevoli ta’ allegatament kokaina, raża u ħaxixa tal-kannabis, u ammont ta’ flus kontanti.

Ir-raġel ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Fit-tieni ħidma għas-6pm waqt osservazzjoni fuq grupp ta’ persuni li kienu max-xatt ta’ Buġibba, il-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestaw żewġ persuni – raġel ta’ 33 sena residenti Baħar iċ-Ċagħaq u mara ta’ 32 sena. Dan għamluh b’suspett li allegatament kienu qegħdin jitraffikaw id-droga.

Minn tfittxija li saret, fil-pussess tagħhom instabu diversi tipi ta’ sustanzi suspettużi, allegatament ecstasy, LSD u drogi oħra sintetiċi. Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.