Filmat: 3 arrestati fl-Ingilterra dwar il-hack tal-BOV

Uffiċjali qed ifittxu aktar persuni

Read in English.

Tliet persuni ġew arrestati fl-Ingilterra b’rabta mal-hack li kien sar fuq il-Bank of Valletta (BOV).

Fi stqarrija l-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalità (NCA) fl-Ingilterra qalet li t-tliet arresti saru f’Belfast u f’Londra bħala parti minn investigazzjoni dwar ħasil tal-flus b’rabta ma’ serqa elettronika minn bank f’Malta.

L-NCA qalet li fi Frar 2019 intuża malware biex jitneħħew madwar €13-il miljun minn kontijiet li kienu qed iżommu flus tal-bank. L-Aġenzija qalet li intużaw numru ta’ kontijiet biex jirċievu dawn il-flus, fosthom kien hemm kont f’Belfast. Madwar €949,000 ġew trasferiti fih.

Fis-sigħat ta’ wara, saru numru ta’ ħlasijiet b’card u withdrawals ta’ flus kontanti – madwar €400,000 qabel ma setgħu jiġu blukkati.

Fosthom kien hemm ħlasijiet fi ħwienet rinomati bħal Harrods u Selfridges f’Londra. Madwar €130,000 intefqu fuq arloġġi tar-Rolex. Saru wkoll ħlasijiet għal Jaguar u Audi A5 għand dealer tal-karozzi.

L-awtoritajiet Maltin kienu avżaw lill-NCA u skattat investigazzjoni dwar min kien wara l-ħlasijiet.

L-NCA qalet li dan wassal għall-arrest ta’ żewġ żgħażagħ li għandhom 22 u 17-il sena f’rejds f’West Hampstead u Ladbroke Grove f’Londra. L-arresti saru fit-22 ta’ Jannar. Raġel ieħor ġie “interviewed under caution”.

L-NCA qalet li llum uffiċjali tagħha arrestaw raġel ta’ 39 sena fuq suspett ta’ ħasil tal-flus, frodi, u serq.

Uffiċjali tal-pulizija għadhom qed ifittxu għadd ta’ persuni oħra b’rabta mal-investigazzjonijiet.

Il-kmandant ta’ NCA Belfast, David Cunningham, tkellem dwar il-każ.

“L-investigazzjoni ta’ 12-il xahar tagħa, li saret bl-għajnuna tal-Economic Crime Unit tal-Pulizija ta’ Malta ffukat fuq għadd ta’ individwi li nissuspettaw li kienu involuti f’ħasil tal-flus għan-nom ta’ grupp ta’ kriminalità organizzata li wettqet is-cyber-attack.

“Dan wassal għall-arresti fl-Londra l-ġimgħa l-oħra u f’Belfast illum, u l-investigazzjoni tagħhna tkompli.

“Din il-ħidma turi kemm twassal l-id tal-NCA, kemm b’mod domestiku u anke b’mod internazzjonali.

“B’ħidma mal-imsieħba tagħhna tal-infurzar tal-liġi f’pajjiżna u f’barra minn xtutna aħna ninsabu determinati li nagħmlu dak li nistgħu biex infittxu u nxekklu dawk li huma involuti fil-kriminalità organizzata, hawn fl-Irlanda ta’ Fuq u madwar il-bqija tar-Renju Unit.”

X’ġara fi Frar 2019?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija ministerjali dwar il-BOV qal li għaddew xi transazzjonijiet foloz. Qal li qed jagħmel din l-istqarrija bħala Prim Ministru minħabba li “l-bank huwa wieħed maġġuri għal Malta”.

Il-Prim Ministru kkonferma li kien hemm tranżazzjonijiet li ma kienux veru billi ntefgħu f’kontijiet oħra barra minn Malta. Qal li hemm mat-€13 miljun f’tranżazzjonijiet foloz iżda saħaq li l-BOV jaf fejn marru l-flus, ġo liema bank barranin u ġo liema kont. Hemm erba’ pajjiżi involuti li fihom marru dawn il-flus li kienu fil-munita Ewro, Dollaru Amerikan u Sterlina Ingliża.

Filmati: NCA