Ritratti: 27 sena ilu Malta evitat attakk terroristiku

“It-Tnejn 17 ta’ Awwissu 1987, il-jott Angel kien qed jittella’ fuq rampa fil-faċilità tal-manutenzjoni tat-Tarzna f’Manuel Island, meta mal-qigħ tad-dgħajsa nstabu l-isplussivi.
Angel, jott ibbażat fil-Ġordan li regolarment kien jinġieb Malta għat-tiswijiet f’Manoel Island, kien proprjetà tal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) u kien jintuża mill-mexxejja tagħha għall-ivvjaġġar minn post għall-ieħor”.
L-awtoritajiet Maltin diġà kienu infurmati li se jkun hemm attakk fuq dan il-jott, meta s-Sibt ta’ qabel, l-Uffiċċju tad-Dwana rċieva telefonata anonima.  L-uffiċjal li wieġeb it-telefonata qal li xi ħadd kellmu bl-Ingliż iżda b’aċċent Għarbi.
Saret tfittxija intensiva fuq il-partijiet kollha tal-jott, bl-għaddasa tat-Task Force tal-Armata niżlu jispezzjonawh taħt l-ilma.  Xejn ma nstab.
Fil-ħin li l-jott kien qed jintrefa’, membru tal-ekwipaġġ lemaħ l-isplussiv mwaħħal mal-jott .  Immedjatament kulħadd ġie ordnat jitlaq minn ħdejn il-jott u l-ħaddiema ġew evakwati miż-żona. 
Suldati esperti mit-Taqsima tal-Bomb Disposal, taħt is-superviżjoni tal-Kulunnell Albert Camilleri, isejjħu fuq il-post biex jeżaminaw il-bombi u jneħħu l-periklu”.
Din hi biss silta mill-ktieb il-ġdid tal-Avukat Joe Mifsud u editjat minn Martin Bugelli bl-isem ta’ terror’s footprints: Shadows of International Terrorism over Malta, ktieb li jiżvela kif Malta kienet fil-mira ta’ diversi attakki terroristiċi, fosthom anke l-ġrajja tal-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir, il-każ ta' Lockerbie, il-qtil ta' Fathi Shqaqi u oħrajn.
Fil-ktieb l-Avukat Mifsud jispjega li l-isplussiv mwaħħal mal-jott kien sofistikat ħafna u ħadd ma kien ra bħalu qabel.  Bħala miżura ta’ sigurtà, l-Angel ittieħed ftit ‘il barra mill-Forti Rikażli fejn hemmhekk tneħħa l-isplussiv u wara ftit ġie splodut.
Sitt ijiem wara din it-theddida terroristika, Mourad Essa Bahloud, ir-rappreżentant tal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina f’Malta, bagħat ittra lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Intern u Ġustizzja ta' dak iż-żmien, Guido de Marco, fejn f’isem il-PLO u l-Mexxej Yasser Arafat, irringrazzjah għall-kuraġġ li Malta wriet f’din il-kriżi.
Il-ktieb terror’s footprints hu frott ta’ ħidma li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 15-il sena. 
F’kummenti ma' Newsbook.com.mt, l-awtur Joe Mifsud qal li tul is-snin ġabar aktar minn 5,000 ritratt u mijiet ta’ paġni ta’ dokumenti. 

“Il-ktieb se jgħin biex fatti jsiru pubbliċi u d-dokumenti jistgħu jkunu analizzati.  Dan hu kontribut zgħir biex insiru nafu aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna u nifhmu aktar il-ħerba li jħallu l-atti ta’ terrur, li flok jibnu l-pontijiet bejn il-ġnus, joħolqu ħitan u ġerħiet” qal l-Avukat Mifsud.
terror’s footprints se jitnieda fit-12 ta’ Novembru li ġej mill-pubblikaturi Kite Group.  
L-awtur se jiffirma kopji tal-ktieb il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. 

*Bil-permess tal-awtur f'dan l-artiklu qed jiġu ppubblikati ritratti li qatt ma dehru qabel.