Ritratti: 21 vettura u 6 segways ġodda għall-Pulizija

Facebook - The Malta Police Force

Il-Ħamis, fil-Belt Valletta ġew inawgurati 21 vettura u 6 segways li l-għan tagħhom hu li jintużaw fid-distretti u l-komunità.

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija kienu preżenti għal din l-inawgurazzjoni. Dawn il-vetturi huma parti minn 50 vettura ġdida li se jintxraw b’investiment ta’ kważi miljun ewro.

Farrugia qal li dan huwa parti minn proġett ta’ immodernizzar tal-flotta. Kompla li permezz ta’ dan l-investiment id-distretti se jkunu qed igawdu minn karozzi ġodda u ma jibqgħux jużaw dawk qodma. Spjega li s-segways se jkunu qed jintużaw biex iżidu l-effiċjenza tal-Pulzija l-aktar f’postijiet pedonali.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li l-business plan li tfassal mill-Korp huwa mifrux fuq 7 snin mill-2018 sal-2024. Spjega li fi ftit xhur l-aktar karozzi antiki se jkunu dawk li nħarġu s-sena l-oħra. Huwa spjega wkoll li qed isir rinovar f’diversi għases madwar Malta u Għawdex kif ukoll f’diversi branki speċjalizzati.

Il-karozzi u s-segways ġew imbierka mill-Kappillan tal-Korp Fr Raymond Bonnici.