Ritratti: 20 persuna jivvandalizzaw id-dar ta’ Ed Woodward

Pulizija dehru qed jinvestigaw fid-dar tal-Kap ta’ Manchester United Ed Woodward. Skont rapporti minn gazzetti Ingliżi, tul il-lejl xi vandali attakkaw id-dar ta’ Woodward.

Madwar 20 persuna rrabjata waddbu flares lejn id-dar li tiswa madwar żewġ miljuni. Ir-ritratti juru wkoll li twaddbet żebgħa ħamra mal-ħitan. Il-grupp mar wara x-xatba tad-dar u bdew idoqqu l-qanpiena. Fortunatament fid-dar la kien hemm Ed u l-anqas martu u t-tfal.

Sors li tkellem mal-gazzetta The Sun qal li Woodward ma jinqalax bħala kap tal-klabb u hemm bżonn li jitlaq illum qabel għada. Is-sors qal li bosta drabi intqal li hemm bżonn li jitlaq iżda baqa’ ma sar xejn.

Il-Pulizija ta’ Cheshire qalet li qed tipprova ssib lil min kien involut f’dan l-inċident.

Il-klabb stqarr li l-vjolenza ma kellha ssir qatt. Manchester United qalu li min jinqabad li kien involut f’dan l-inċident mhux se jitħalla jidħol f’Old Trafford aktar.