Ritratti: 2,074 migrant salvati fi tlitt ijiem

Fi tlitt ijiem ġew salvati mill-MOAS u l-Phoenix aktar minn 2,000 migrant fil-baħar Mediterran, 15-il mil nawtiku ’l barra mill-kosta Libjana.
Il-MOAS, l-organizzazzjoni karitattiva li bdiet b’inizjativa Maltija u żviluppat f’waħda internazzjonali, qalet li dak li l-ħaddiema tagħha raw f’dawn il-jumejn ma jitwemminx.
Seba’ dinghies u żewġ dgħajjes tal-injam bejniethom kellhom 2,074 migrant, f’dik li l-MOAS iddeskriviet bħala l-akbar operazzjoni ta’ salvataġġ f’sensiela ta’ operazzjonijiet oħra, xhieda tal-kriżi li kulma jmur qed dejjem teskala ruħha.
Tul il-maratona ta’ salvataġġi ta’ lbieraħ, aktar minn 400 persuna ttellgħu abbord id-dgħajjes tal-organizzazzjoni. Dawn malajr imtlew, u l-membri tas-salvataġġ qagħdu tul il-lejl mal-migranti mrekknin fuq id-dgħajjes, jistennew aktar għajnuna.
Ladarba kulħadd ikun fis-sigur, il-migranti jittieħdu l-Italja.
Fl-istqarrija l-MOAS qalet li tul il-lejl li għadda, is-sitwazzjoni tal-baħar ħraxet, hekk kif is-sitwazzjoni saret aktar delikata minn kemm kienet.
Id-Direttur tal-MOAS, Regina Catrambone, enfasizzat li waqt li dawn il-persuna qed jilagħbu ħajjithom għal waħda aħjar, is-soċjetà ċivili qed tibqa’ tħares.
Sa sbieħ Ħadd il-Għid, l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ għadhom għaddejjin.
Sadanittant, sa lbieraħ stess, L'Osservatore Romano rrapporta traġedja oħra fil-Mediterran.