Ritratti: 100 kilo kokaina jitwaqqfu bl-għajnuna tad-Dwana Maltija

Id-Dwana Maltija għadha kif tat l-għajnuna tagħha sabiex tiġi interċettata konsenja ta’ 100 kilo kokaina wara eżerċizzju ta’ ħidma konġunta bejn diversi pajjiżi Ewropej.
Fi stqarrija mid-Dwana ntqal li l-konsenja ġiet interċettata fil-port ta’ Rijeka, fil-Kroazja u b’hekk tkisser ċirku ta’ kriminalità organizzata.
Fil-ħidma kienu involuti d-Dwana Franċiża, Spanjola, Maltija u Kroata, kif ukoll il-Pulizija Kroata.
L-istqarrija spjegat kif kontejner mimli bċejjeċ tal-metall, telaq mill-Amerka T’isfel fi triqtu għall-Ewropa. Meta wasal fil-port ta’ Algeciras, fi Spanja, ġie deċiż li għandha tinżamm sorveljanza stretta fuqu sakemm jasal Malta.
Fl-istqarrija, intqal li meta wasal fid-Dwana ta’ Malta, għadda minn scan u rriżulta li kellu partijiet ta’ interess minħabba kontenut li deher suspettuż. Għaldaqstant kien hemm ftehim bejn id-Dwana Maltija u dik Kroata sabiex il-kontejner jiġi rilaxxat taħt sorveljanza stretta f’idejn id-Dwana Kroata.
Il-kontejner kien irrilaxxat fis-6 ta’ Marzu u baqa’ jiġi segwit sakemm il-Pulizija Kroata intervejnietu f’Zagreb, fejn ġew arrestati disa’ persuni: sitt Kroati, Olandiż, Spanjol, Kolumbjan u persuna mill-
Bosnja-Ħerzegovina.