Ritratt ta’ Daphne mormi fiż-żibel – Busuttil

Facebook: OccupyJustice

Ir-ritratt tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ntrema f’kontenitur tal-iskart fil-Belt Valletta, liema ritratt reġa’ tpoġġa fuq il-monument tal-assedju l-kbir skont il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Simon Busuttil.

Fuq Twitter, Busuttil qal li anzjana qaltlu li r-ritratt tal-ġurnalista li kien fuq il-monument intrema. Busuttil qal li wara li sema’ dan, mar jiġbru u reġa’ poġġieh f’postu. Sa April li għadda, Caruana Galizia kienet irċeviet unur f’isimha kull ħmistax-il ġurnata minn meta ġiet assassinata.


Il-mafkar magħmul mill-attivisti biex iżżomm ħajja l-memorja tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia tneħħa lbieraħ. Ix-xemgħat u l-fjuri ukoll tneħħew minn fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir. Din mhux l-ewwel darba li tneħħa kollox, iżda hi l-ewwel darba li tpoġġew ammont sostanzjali ta’ barriers tal-Pulizija madwar il-monument. Jidher li dan sar minħabba ċ-ċerimonja tal-Vitorja li saret filgħaxija.

L-attivisti tal-grupp OccupyJustice reġgħu poġġew fjuri u xemgħat madwar il-monument. Fuq Facebook ilmentaw dwar kif qed jitfakkar avveniment li seħħ 500 sena ilu u kif qed jintesa l-assassinju ta’ ġurnalista f’inqas minn 11-il xahar.